Fil-Qosor

L-Għajnuna Ewropea għat-Taħriġ Introduttiv tal-Professjonisti tat-Tagħlim lill-Adulti fis-Sistema tal-Ġustizzja Kriminali Korrettiva (European Induction Support for Adult Learning Professionals to the Correctional Criminal Justice System – EIS ALP)) hija sħubija dinamika u innovattiva li timpenja ruħha biex tiżviluppa l-edukazzjoni tal-ħabsin fl-Ewropa kollha. L-esperjenza tagħna bl-inizjattivi ta’ suċċess tal-LLP fir-rigward tal-edukazzjoni fil-ħabs (individwali jew kollaborattiva) urietna li dak li jonqos biex is-settur ikun tassew żviluppat huwa l-edukazzjoni speċifika tal-għalliema u t-taħriġ għat-tagħlim fil-ħabs.

Studji serji juru li fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali m’hemmx approċċ konsistenti fir-rigward ta’ x’inhu għalliem fil-ħabs, liema kompetenzi jeħtieġ li jkollu u kif wieħed jista’ jgħin bl-aqwa mod possibbli lill-professjonisti adulti li jixtiequ jagħmlu dan ix-xogħol. Għalhekk indirizzajna l-isfida li nuru li għadd ta’ istituzzjonijiet pubbliċi flimkien jistgħu jagħmlu minn professjoni żvantaġġata kwalifika ta’ suċċess u ta’ sodisfazzjon billi jipprovdu riżorsi speċifiċi fi ħdan inizjattivi komuni u kollaborattivi.

Wieħed mill-iktar aspetti importanti ta’ dan il-konsorzju huwa l-preżenza ta’ organizzazzjonijiet li huma direttament f’kuntatt mal-utenti aħħarin ta’ EIS ALP: il-professjonisti tat-tagħlim lill-adulti. L-għodda li niżviluppaw, nimplimentaw u nevalwaw bħala parti mill-proġett jikkonċernaw diversi livelli ta’ edukazzjoni tal-ħabsin f’approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja. Il-muftieħ għall-effikaċità tal-professjonisti tat-tagħlim li jaħdmu fis-sistema tal-ġustizzja kriminali korrettiva huwa li jaħdmu ma’ għalliema anke qabel ma jidħlu fis-sistema. Konsegwentement, aħna ngħinuhom jiżviluppaw profil ta’ kompetenzi essenzjali u nimmiraw li nieħdu lill-edukaturi tal-adulti “regolari” jagħmlu żjara esplorattiva ta’ kif wieħed isir għalliem tal-ħabs li jista’ jevalwa lilu nnifsu u jkompli jiżviluppa l-professjoni tiegħu. L-għodda ta’ taħriġ introduttiv ser jikkomplemetaw it-taħriġ, ir-riżorsi virtwali u l-istrateġiji ta’ titjib maniġerjali sabiex jinkiseb progress konsistenti fil-professjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni korrettiva.

Ser nibbażaw il-ħidma tagħna fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-identifikazzjoni tal-problemi u s-soluzzjonijiet. Minflok approċċ unilaterali għall-isħubija, insegwu l-prinċipji tal-governanza tajba. Barra minn hekk, l-użu pożittiv tad-differenzi bejn il-ħames pajjiżi membri involuti u l-kopertura ġeografika wiesgħa tagħna huma kruċjali għal politika ta’ suċċess u żvilupp prattiku. Ir-riżultat finali ser ikun: ħabsin iktar edukati, b’possibbiltajiet aħjar għal reintegrazzjoni tajba.

Il-proġett tfassal bl-istrateġija ta’ żvilupp sostenibbli li jista’ joffri mudell tal-UE, mhux biss permezz tar-riżultati tiegħu iżda wkoll permezz ta’ approċċ ta’ ġestjoni responsabbli.